Press Release

News

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA, MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

Bdil fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, il-Ministru għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo inidirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar il-bdil fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li se jkun qed jagħti aktar protezzjoni għall-persuni li jaħdmu mid-dar.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li issa se tkun qiegħda tingħata definizzjoni aktar ċara ta’ homeworker, fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan japplika għal dawk il-persuni li qegħdin jaħdmu waħidhom għalihom nfushom mid-dar, u li huma ingaġġati minn xi persuna għal skopijiet ta’ xogħol mid-dar. Il-Ministru spjega li ħafna drabi dan ix-xogħol ikun marbut ma’ xogħol tal-idejn u li ma jkunx hemm relazzjoni bejn min iħaddem u min qed jaħdem mid-dar.

Il-Ministru qal li permezz ta’ dawn il-bidliet se jiddaħħal paragrafu ġdid f’Artiklu 12 tal-istess Att biex tali homeworker ikun jista’ jitlob eżenzjoni fuq il-ħlas tal-bolla jekk id-dħul nett tiegħu ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima jew €4,460 fis-sena. Permezz ta’ din il-bidla, dawn il-persuni jistgħu jagħżlu li ma jħallsux il-bolla, iżda dejjem tibqa’ l-għażla li jħallsuha jekk iridu.

Intant se jkun hemm ukoll bidla fl-istess Att biex id-dħul ta’ tali homeworker sal-ekwivalenti ta’ 35% tal-paga minima jew €3,122 fis-sena jkun eżenti mill-means-test tal-għajnuna soċjali u l-għajnuna medika biex ma jinqatalhom xejn mill-benefiċċji soċjali li kienu qegħdin jieħdu.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tal-2018.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli qalet li l-liġijiet preżenti ma jkoprux dawn it-tip ta’ ħaddiema u tikklassifikahom bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Għaldaqstant huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll jistgħu jitilfu xi dritt għal benefiċċji soċjali minħabba d-dħul minn dan ix-xogħol.

“Il-fatt li dawn il-persuni jkunu meħtieġa jħallsu l-bolla kif wkoll jitilfu d-dritt għal xi benefiċċji soċjali jwassal biex dawn ma jiddikjarawx dan id-dħul. Dan qed jesponu dawn il-familji għal passi legali kontra tagħhom għax ikunu naqsu li jħallsu l-bolla jew li jkunu qed jirċievu l-benefiċċji soċjali meta għandhom dħul mhux dikjarat. Għalhekk inħass il-bżonn ta’ din l-emenda.”

Il-Ministru Dalli qalet li wara li d-Dipartiment tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali eżamina l-ingaġġ ta’ dawn il-persuni li jaħdmu xogħol bażiku t’armar ta’ oġġetti fuq bażi flessibbli mid-dar, jiġifieri xogħol bl-imqieta, irriżulta li ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ sfruttament jew abbuż.

Hija fakkret li dan it-tip ta’ xogħol, il-kumpaniji joffruh bħala parti mis-social corporate responsibility tagħhom. Dan għaliex mill-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħol jidher ċar li l-kumpaniji li jkunu qed joffru dan ix-xogħol tiġihom irħas jekk dawn il-prodotti jinħadmu fil-linja tal-produzzjoni normali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo saħaq li, “dan huwa pass ieħor li qed ngħinu persuni vulnerabbli u dak li qed naħdmu llum irridu nkomplu nibnu fuqu. Ir-realtà hija li dan is-settur ta’ ħaddiema ilu jeżisti u irridu nieħdu l-passi meħtieġa għaliex fl-istess ħin id-dinja tax-xogħol qiegħda kontinwament tinbidel u aħna rridu naraw li l-protezzjoni tkun addattata. Huwa importanti immens li jkun hemm definizzjoni ta’ homeworkers li nafu li jeżistu tipi differenti. Għaldaqstant huwa l-impenn tal-Gvern li nħarsu dawn l-impjiegi fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fejn ħafna minn dawn il-persuni vulnerabbli huwa dan ix-xogħol biss li jistgħu jagħmlu”.

 

 

 

 

 

 

 


Back to Overview